Dħul

Nilqgħuk fil-pjattaformi soċjali ta’ din l-ewwel Banda Żejtunija, u fi ħdan il-familja kbira Belandista.

Maħluqa Għalik

Inħolqot biex tkun tiegħek, għal das-snin kollha, biex twassallek il-mużika, tgħallmek u tagħmlek mużiċist, tferrħek, tinvolvik, tħarrġek u tospitak; kif inti hemm għaliha biex issostniha, tissapportjaha, ssegwiha u taħdem fiha.

Hi tifsira kbira wara t-tema

#MaħluqaGħalik! 💚

Soċjetà Mużikali Beland 2022/23

Dwarna

Is-Soċjetà Mużikali Beland twaqqfet fiż-Żejtun fl-1861 minn Mro. Orazio Diacono bil-kollaborazzjoni ta’ Mro. Michelino DeFerraris; wara trasformazzjoni tal-orkestra li kienet teżisti mill-1832. Il-fondazzjoni hi ppruvata b’numru ta’ marċi funebri miktuba fl-1861, bis-sehem ukoll tal-Banda Beland fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun u servizzi fi Bliet u rħula bħal f’Ħal Ghaxaq (1867), ir-Rabat u l-Belt Valletta (1870).
L-isem Beland ingħata lil din is-Soċjetà f’fażi ta’ tiġdid snin ilu. Dan l-isem oriġina mill-kunjom Ġermaniż tal-Barunessa Isabelle Von Bylandt, omm il-GranMastru Hompesh li fl-1797 ta t-titlu ta’ Belt liż-Żejtun b’Città Beland. 


Id-direzzjoni tal-Banda Beland kienet dejjem f’idejn Surmastrijiet lokali stabbiliti, fosthom Mro. Angelo Mifsud, Ignazio Catania, Antonio Miruzzi, Carmelo Scicluna, Carmelo Baldacchino, Hector Dalli, Orazio Cachia, Frank Mercieca u Ray Sciberras. Tul is-snin, dil-banda kellha sehem distint f’diversi festi Maltin, avvenimenti governattivi u attivitajiet nazzjonali. Sal-lum iċċelebrat sitt anniversarji li mmarkaw mixja li llum tgħodd b’aktar minn 150 sena ta’ storja. Baqgħet timxi fit-triq tal-progress, bi Presidenti u Kumitati ħabrieka li mexxewha, flimkien mal-fergħat li twieldu fi ħdanha maż-żmien u bin-numru kbir ta’ membri attivi u segwaċi. Illum tgawdi min numru sostanzjali ta’ bandisti, grazzi wkoll għall-iskola tal-mużika mwaqqfa riċentement għat-tagħlim bla ħlas lill-bandisti futuri tagħha. 


Fost il-ħafna episodji storiċi tagħna, nsemmu ż-żjarat tal-Banda Beland f’pajjiżi barranin; fil-Ġermanja fl-1994 għall-ftuħ mill-ġdid tal-Kastell Rheydt, eks-propjetà ta’ omm il-GranMastru Hompesh, fir-Russja fl-1995 fejn din kellha tkun l-ewwel banda Maltija li sa dakinhar żaret dan il-pajjiż, f’Como l-Italja fl-1998, u f’Ruma u l-Belt tal-Vatikan fl-2019, b’kunċert fit-teatru rinomat mal-mużiċisti fid-dinja – Conservatorio Santa Cecilia, u wkoll bil-privileġġ li ddoqq fi Pjazza San Pietru waqt udjenza tal-Papa Franġisku. Insemmu wkoll b’unur l-eżekuzzjoni tal-Banda Beland tal-Oratorio – “Dawl fuq is-Sinaj” għal darbtejn fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun; fl-2005 bħala parti mill-festi Ċentinarji tal-1700 sena mill-Martirju ta’ Sta. Katarina V.M., u fl-2015 f’egħluq l-10 snin mit-tnedija tal-istess xogħol mużikali. Dan kollu jgħodd ma’ tant episodji sbieħ oħra li huma mnaqqxa b’unur fi storja li qed tkompli tinkiteb.


Is-sit eżistenti ta’ dis-Soċjetà jinsab f’post prominenti fil-pjazza ewlenija taż-Żejtun, faċċata eżatt tal-Knisja Parrokkjali; bi swali kbar u rinovati li fihom jinżammu bi preġju tant oġġetti li huma wirt kbir għalina, kuljum jiltaqgħu niesna u dawk li jżuruna, jitħarrġu l-istudenti u l-bandisti tal-Banda Beland b’mod regolari, isiru l-laqgħat tal-istrutturi u tinħema ħidmietna, u norganizzaw l-attivitajiet għal kulħadd tul is-sena kollha.


L-iskop prinċipali ta’ dis-Soċjetà jibqa’ wieħed sostnut, dak tat-tagħlim u t-tixrid tal-mużika; f’organizzazzjoni li timraħ ukoll fl-oqsma soċjali, kulturali u solidali bħala waħda volontarja, u bil-qofol tas-sena kalendarja tagħna tibqa’ tkun il-festa titulari ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, fit-tielet Ħadd ta’ Ġunju. 


Nilqgħuk fil-pjattaformi soċjali ta’ din l-ewwel Banda Żejtunija, u fi ħdan il-familja kbira Belandista. 

Deskrizzjoni aġġornata: 2020

Ikkuntatjana